gov.mt

PR261510

PR261510

18/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI Offerta ta’ rollover lid-detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Ħruġ 2021 fi ħruġ ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Ħruġ 2026


 

L-Accountant General tistieden lid-detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2021 (Bond li ser Jimmatura) sabiex iġeddu l-ammont sħiħ li ser jimmatura f'Bond Ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2026 b'effett mill-15 ta' Ottubru 2026. Id-Detenturi tal-Bond Eżistenti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2021 li jagħżlu li jġeddu l-investiment tagħhom fil-Bond il-Ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2026, ser jiġu allokati l-istess ammont nominali li kellhom fil-Bond li ser jimmatura.

 

Il-Bond il-ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2026 ser jinħareġ bl-istess termini tal-ħruġ eżistenti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2021, ħlief għar-rata tal-imgħax, li ser tkun ta' 3.50% fis-sena għal 5 snin. Il-Bond il-ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2026 ser jinħareġ skont il-prospett ippubblikat fit-18 ta' Settembru 2026.

 

Arranġamenti tar-Rollover

Ser tintbagħat Formola tal-Applikazzjoni preskritta li fiha ser ikun hemm l-ammont nominali investit fit-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2021, lid-detenturi eliġibbli kollha ta' dan il-Bond, li isimhom jidher fir-reġistru f'għeluq il-ġurnata ta' negozju tal-Ġimgħa, l-4 ta' Settembru 2026 (id-data Cut-off). Id-detenturi li jagħżlu li jġeddu l-investiment għandhom jiffirmaw il-Formola tal-Applikazzjoni u jibagħtuha fl-envelop indirizzat u pprovdut mal-Formola tal-Applikazzjoni sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, it-2 ta' Ottubru 2026.

 

Id-detenturi li ma jixtiqux iġeddu l-investiment tagħhom m'għadhom bżonn jagħmlu xejn u ser jirċievu l-ħlas lura tal-kapital fil-15 ta' Ottubru 2026 (id-data tal-maturità).

 

Detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2021 li jagħżlu li jġeddu l-investiment fil-Bond il-Ġdid ser ikunu reġistrati bħala detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2026 b'effett minn mill-15 ta' Ottubru 2026.

 

Termini tal-ħruġ il-ġdid 62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2026

It-termini tal-Bond il-Ġdid huma simili għat-termini u kundizzjonijiet tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2021, ħlief għar-rata tal-imgħax, li ser tkun ta' 3.50% fis-sena għal ħames (5) snin li ser jimmatura fl-2031. Il-Bond ma jistax jiġi negozjat, assenjat, trasferit lil xi individwu ieħor jew jingħata bħala rahan.

 

L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b'lura fil-15 ta' April u fil-15 ta' Ottubru għall-perjodu kollu ta' ħames snin. Id-detenturi jistgħu jirtiraw l-ammont kollu investit qabel il-15 ta' Ottubru 2031 (id-data tal-maturità), soġġett għal ħlas ta' penali għall-fidwa bikrija, ekwivalenti għal 3 xhur imgħax gross fuq l-ammont irtirat, bir-rata tal-imgħax li jħallas il-Bond.

 

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mill-prospett, li jista' jitniżżel mis-sit elettroniku tat-Teżor f'www.treasury.gov.mt.​